top of page

Messaġġ tal-Kappillan għax-xahar ta' Ottubru 2020

Repetizzjoni

Ngħidlu li ddejjaqna. Imma fil-fatt:
*Ngħixu bir-repetizzjoni: Nifs wara l-ieħor, dejjem l-istess. *Qalbna tħabbat taħbita wara l-oħra, u f’sena tkun ħabbtet aktar minn 35 miljun darba, u allaħares ma tirrepetix dejjem l-istess, għax ikollna l-inkwiet.
*Nitgħallmu bir-repetizzjoni: Practice makes perfect, ngħidu. *Jirrepetu t-tfal fl-iskola, l-isportivi biex itejbu l-ħila tagħhom.
*Naħdmu bir-repetizzjoni: Xogħolijiet fihom aktar repetizzjoni minn oħrajn, imma dejjem dak li jkun juża u jerġa’ juża dak li jkun tgħallem biex jaħdem bih.
*Niddevertu bir-repetizzjoni: kemm nisimgħu u nerġgħu nisimgħu xi diska li togħġobna, jew immorru u nerġgħu mmorru f’xi post li jkun laqatna!
*Nirrelataw flimkien bir-repetizzjoni: Kemm hi sabiħa u ta’ suċċess ħajja fejn jum wara l-ieħor ngħixu l-imħabba. U mbagħad, kemm tagħmel sens il-kelma “inħobbok” ta’ spiss.
*Nitolbu bir-repetizzjoni: U ġieli ngergru…però ejjew inħarsu lejn il-pożittiv tar-repetizzjoni; wara kollox l-esperjenza ta’ ħajjitna hija mimlija repetizzjoni, li tiftaħna għall-ħajja, biex nikbru u nitgħallmu, biex naħdmu u niddevertu u nħobbu. Ir-repetizzjoni fit-talb tiftaħna għad-Divin, għal Alla, meta aħna mmorru ‘l hinn minn sempliċi repetizzjoni ta’ xi talba, biex nesperjenzaw lil Dak li hu ikbar minna.

Hekk hu r-Rużarju, mhux repetizzjoni mejta, imma repetizzjoni li tiftaħna għall-Misteru, għal Dak li hemm ħafna u ħafna aktar x’niskopru fih. U dan flimkien ma’ Ommna Marija, li taf sew tressaqna aktar lejn Binha Ġesù.

Messaġġ tal-Kappillan għax-xahar ta' Novembru 2020

It-Tieni Twelid

It-twelid ta’ tarbija jġib ħafna ferħ. Imma t-twelid ta’ tarbija huwa mument diffiċli u ta’ tbatija kemm għall-omm, għal dawk ta’ madwarha u wkoll għat-tarbija stess.

Din it-tarbija ħa tiġi f’dinja ġdida, fejn kollox hu differenti.  Ħa tibda tieħu n-nifs, tiekol, tgħix b’mod ġdid.  Qabel ma kien jonqosha xejn.  Issa ha jaqbadha l-ġuħ u l-għatx, tħoss il-bard u s-sħana…u tibki. Fortunatament ħa ssib min iħobbha, jieħu ħsiebha, jagħtiha dak kollu li għandha bżonn, u hekk jirnexxielha tgħix, tikber, titgħallem u ssir kapaċi tagħmel il-ħajja tagħha sabiħa.

Dik it-tarbija ma setgħetx tesperjenza dan kollu kieku baqgħet f’dak il-post fejn ma kien jonqosha xejn.  Iżda rat it-tbatija, rat il-mewt għad-dinja li taf, imma filfatt dak kien it-twelid għal dinja ġdida.

Bħal dik it-tarbija, aħna qegħdin ngħixu f’did-dinja, fejn nagħmlu minn kollox biex ma jkun jonqosna xejn. Però naraw it-tbatija wkoll u xi darba wkoll se naraw il-mewt.  Imma għalina wkoll din il-mewt hi filfatt it-tieni twelid għal ħajja ġdida, fejn, kif qalilna Ġesù, se nkunu miegħu, biex naraw il-glorja tiegħu. 

Ha mmorru fi ħdan Alla, qisu fil-“ġuf” ta’ Alla, qisu se nerġgħu nirritornaw lejn stat ta’ sbuħija u ta’ fejn ma jkun jonqosna xejn, hekk kif bdejna l-eżistenza tagħna.  U bħalma fil-bidu għamilna disa’ xhur nippreparaw ruħna għall-ewwel twelid, hekk ukoll issa nagħmlu ħajjitna kollha f’did-dinja nippreparaw ruħna għat-tieni twelid, għax kif il-Knisja tfakkarna f’dal-mument: 

“Għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel, u mal-mewt tal-ġisem tagħna fuq din l-art, jitħejja għalina post għal dejjem miegħek fil-ġenna”.

bottom of page